L-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli huwa kważi attakk terroristiku – eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija

Current Affairs Posts – TVM Maltese Vassallo

L-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Josie Brincat qal li l-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri huwa wieħed ta’ stmerrija u stqarr li kważi huwa attakk terroristiku fuq kuntistabbli li qed hemm biex jipproteġi lill-poplu.

Ma’ TVM Brincat, li għamel żmien responsabbli mit-taqsima tat-traffiku, iddeskriva lil Simon Schembri bħala raġel onest u persuna li tagħmel xogħolha.

Huwa qal li sfortunatament xogħol il-Pulizija jiġbed l-għedewwa għax meta tieqaf il-ħażin ikun hemm min jarahom koroh. Huwa qal li l-Pulizija mhux qiegħda hemm biex tintgħoġob ma’ kulħadd. F’dan id-dawl huwa tkellem ukoll dwar il-kritika li ssir lejn il-Korp u qal li l-Korp għandu jħares lejha u jara jekk hiex iġġustifikata. Saħaq li f’każ li tkun iġġustifikata l-Korp għandu jaħdem biex jirrimedja s-sitwazzjoni. Madankollu, innota li f’Malta hemm tendenza li kollox jieħu xejra politika u sostna li l-Korp mhux qed hemm biex jaqdi lil xi partit politiku u li xogħol kull pulizija hu li jkun leali lejn il-ħatra tiegħu.

Hemm bżonn li l-Pulizija jkollhom polza tal-assigurazzjoni

Josie Brincat tkellem ukoll dwar il-polza tal-assigurazzjoni għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Saħaq li għadda ż-żmien għad-diskussjoni dwarha u wasal iż-żmien għal deċiżjoni finali. Huwa qal li hemm bżonn li l-Pulizija jkollhom l-assigurazzjoni kif meħtieġ. Spjega li jekk pulizija jkorri fuq ix-xogħol jispiċċa mingħajar benefiċċji għajr dawk soċjali u ma jkunx jista’ jgħajjex familja.

Erba’ elementi għas-sewqan

Dwar is-sewqan, Josie Brincat qal li hemm erba’ elementi importanti: l-infrastrutura tat-toroq li tkun tajba, edukazzjoni tajba, infurzar (kif għamel il-Kuntistabbli Simon Schembri) u diterrent – li min jikser il-liġi jieħu li ħaqqu. Saħaq li min jikser il-liġi għandu jieħu li ħaqqu għax inkella jsiru l-abbużi għax wieħed ikun jaf li se jeħlisha ħafif.

 

Ara wkoll:

Dirgħajn Schembri jżommu t-tifel li twieled bl-għajnuna tiegħu, illum imfarfar

Jistaqsi għalfejn Liam Debono ma twaqqafx qabel

The post L-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli huwa kważi attakk terroristiku – eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija appeared first on TVM Maltese.

Leave a Reply